Ir-raħal ċkejken ta’ Ħal Għargħur kien magħqud man-Naxxar sakemm sar parroċċa aktar tard. Meta Mons. Pietru Dusina li żar Ħal Għargħur fl-1575, huwa għarrafna li kienu biss ftit familji jgħixu hemm u kien hemm ħames knejjes żgħar. Dawn kienu il-kappella ta’ tlugħ is-sema tal-Madonna (taż-Żellieqa), ta’ San Bartilmew, ta’ Santa Marija (ta’ Bernarda), ta’ San Nikola (ta’ Bari) u ta’ San Ġwann Battista.
Iktar tard il-popolazzjoni kibret hekk li talbet lill-Isqof biex jifred ir-raħal minn Naxxar billi kien hemm ukoll ċertu bogħod bejn iż-żewġ irħula, u l-Isqof laqa’ t-talba tagħhom u fl-1598 għamel lil Ħal Għargħur parroċċa għaliha. Hekk huwa ħatar kurat biex jieħu ħsieb il-kura spiritwali tal-komunita` żgħira tar-raħal. Il-kappillan tan-Naxxar, ir-Rev. Dun Ġiljan Borg, ħadha bil-kbir għall-firda ta’ Hal Għargħur minn Naxxar u dan billi kien xiħ ħafna, l-Isqof ma ħalliex isseħħ il-parroċċa l-ġdida biex ma jinkwetax lil Dun Ġiljan Borg sa mewtu li saret fl-1610, u hekk fis-16 ta’ Lulju 1610, Mons. Gargallo għamel lil Ħal Għargħur parroċċa u ħatar lir-Rev. Dun Ġwann Battista Chetcuti(D.D.,J.U.D.) biex ikun l-ewwel kappillan tar-raħal.
Għall-ewwel il-poplu beda juża l-knisja żgħira ta’ San Ġwann Battista bħala l-knisja parrokkjali, iżda meta l-parruċċani żdiedu, inħass il-bżonn ta’ knisja akbar. Il-kappillan u l-poplu qatgħuha li jibnu knisja ġdida fil-quċċata tal-għolja fejn kien hemm kappella żgħira dedikata lil San Bartilmew. Għażlu lil Tumas Dingli minn Ħ’Attard biex jagħmel il-pjanta tal-knisja l-ġdida u jieħu f’idejh il-bini tagħha. Dingli kien għad kellu biss 19-il sena meta ppjanta l-knisja f’għamla ta’ salib latin.
Il-Knisja fiha korsija fin-nofs, żewġ kappelluni, santwarju jew kor, kollha b’saqaf tond, koppla fin-nofs u żewġ sagristiji. Il-knisja hija twila 115-il pied fit-tul u 25 pied fil-wisgħa u minn qiegħ kappellun għall-ieħor hi 85 pied wiesgħa.
Il-knisja hi ta’ stil Doriku u ż-żewġ apside fil-kappelluni flimkien mal-erbgħa arkati tal-altari fil-korsija huma kollha mżejnin b’kolonni bi skultura fi stil barokk.
Is-saqaf tond hu mqassam fi spazji ta’ tmint iġnub b’miżuni tal-istucco fin-nofs ta’ kull kwadru. L-istess tip ta’ dekorazzjoni bl-istucco tarah f’kull apside fuq il-bieb il-kbir flimkien ma’ dak li hemm fil-ġebel u bl-istucco miksija b’folji tad-deheb.
L-erbgħa spazji trijangolari bejn l-erbgħa arkati taħt il-koppla huma mżejna bi xbihat tal-erbgħa evanġelisti, pittura tal-Prof. Joseph Briffa ta’ B’Kara madwar 50 sena ilu.
Madwar il-knisja hemm diversi altari, hemm erbgħa fil-korsija. Dak li hemm qrib il-fonti tal-magħmudija huwa dedikat lill-Madonna tal-Parir it-Tajjeb, ħdejha kull naħa hemm San Bastjan u San Rokku, pittura ta’ Francesco Zahra. Quddiemu nsibu l-altar ta’ San Franġisk minn Paola u l-kwadru juri lill-qaddis ma’ patrijiet oħra jbierek ħaruf. L-awtur mhux magħruf . Qrib lejn il-pulptu nsibu l-altar dedikat lill-Madonna taċ-Ċintura terfa’ l-Bambin, u fuq kull naħa hemm Santu Wistin u San Girgor. Din hi pittura ta’ Roccu Buhagiar. Quddiem dan il-kwadru nsibu l-altar dedikat lill-Kunċizzjoni Immakolata, kopja sabiħa fuq tal-Murillo magħmula minn żewġ artisti Taljani Rinaldi u Avandero fl-1904.
Fil-kappellun tax-xellug insibu l-kwadru tal-Madonna tar-Rużarju b’San Duminku fuq naħa u Santa Katerian fuq l-oħraġ il-pittur mhux magħruf: ħdejn dan hemm l-altar ta’ l-Agunija tal-Mulej Ġesu`, pittura sabiħa ta’ Lazzaro Pisani li saret fl-1915.
Fil-kappellun tal-lemin hemm l-altar tal-Familja Mqaddsa jew ta’ San Ġużepp. Dan huwa wieħed mill-aħjar xogħolijiet ta’ pittura fil-knisja tagħna. Qribu nsibu l-altar tal-Madonna tal-Karmnu u San Mikiel Arkanġlu. Dan ukoll huwa ta’ Cali` bħal San Ġużepp.
Wara l-altar maġġur hemm il-pittura ewlenija turi l-martirju ta’ San Bartilmew, il-qaddis patrun tagħna, impitter minn Ġużeppi Cali` fl-1902. Qabel dan il-kwadru kien hemm ieħor ta’ Emmanuel Perren, magħmul fis-seklu sbatax. B’xorti ħażina kien meqrud fi tmiem is-seklu XVIII. L-apside tal-kor hi miksija skultura bi stil barokk u tgħolli fiha sitt kolonni kbar imżejnin u ndurati bid-deheb. Fuq kull naħa bejn il-kolonni hemm żewġ statwi kbar ta’ San Pietru u San Pawl skolpiti fil-ġebel.
Fuq kull naħa tal-apside fuq is-sedji tal-qassisin hemm żewġ kwadri kbar bil-pittura, wieħed juri t-twelid ta’ Ġesu’ u l-ieħor l-Aħħar Ċena ż-żewġ pitturi huma ta’ Francesco Zahra magħmula fis-seklu sbatax. Il-kwadri kollha tal-pittura ġew imnaddfa u restawrati ftit ilu minn Alfred Briffa.
Hemm xogħolijiet oħra tal-arti li wieħed jista’ jarahom fis-sagristija u fuq fis-sala tal-knisja. Fis-sagristija hemm pittura antika li turina lil San Bartilmew, impittra minn Gaspare Formica, żewġ kwadri fit-tond, waħda turina lil San Ġużepp u l-oħra lil San Pankrazju, Isqof ta’ Taormina, minn idejn Cali’, kwadri tal-kleriku Giovanni Gafa` u Katerina Sammut żewġ benefatturi tal-knisja u l-Beatu Duminku Mifsud, ajk Franġiskan imwieled f’Ħal Għargħur.
Fis-sagristija hemm diversi kwadri fosthom hemm trittiku (1587 tal-pittur Joannes Maria Abela), fin-nofs tiegħu hemm ix-xena tat-tislib u San Ġwann mal-Verġni Marija u fuq naħa u oħra hemm San Bartilmew u l-appostlu San Pawl.
L-altar maġġur huwa magħmul minn irħam ta’ diversi kuluri; sar fl-1736 fiż-żmien li kien Kappillan Dun Salvatore Żarb. It-tabernaklu fuq dan l-altar huwa mżejjen bil-fidda, deheb u ħaġar prezzjuz, miġbur u mogħti min-nies ta’ Ħal Għargħur.
Il-knisja parrokkjali kienet ikkonsagrata solennement fl-1736 mill-Isqof Mons. Fra Alpheran de Busan meta r-Rev. Dun Salvatore Zarb kien kappillan ta’ Ħal Għargħur. M’hemm ebda dubju li l-isbaħ xogħol tal-arti f’din il-knisja hija l-istatwa ta’ San Bartilmew skolpita f’zokk ta’ siġra minn Melchior Gafa’ f’Ruma u miġjuba Malta fl-1772. Din l-istatwa kienet kompluta f’Malta minn Francesco Zahra. Din l-istatwa famuża hi waħda mill-isbaħ nett fil-Gżira u ssaħħar lil dawk kollha li jarawha.
Hemm statwi oħra fil-knisja tagħna, ngħidu aħna ta’ San Ġużepp maħduma minn Karlu Darmanin, ta’ San Mikiel Arkanġlu magħmula minn Wistin Camilleri ta’ Għawdex. Hemm ukoll sett ta’ statwi li juru diversi episodji tal-passjoni tal-Mulej Ġesu`. Dawn jinħarġu f’purcissjoni nhar Ħadd il-Palm fosthom erbgħa huma xogħol ta’ Karlu Darmanin, oħrajn ta’ Kalċidon Mangion u oħrajn ta’ Renzo Gauci.
Il-knisja tkun imżejna b’tiżjin sabiħ fil-festi. Il-ħitan ikunu mgħottija b’damask aħmar tal-palma li kien sar daqs mitt sena ilu. Il-lampieri tal-fidda jiddendlu quddiem l-altari u jinxteghlu biż-żejt mal-knisja kollhaġ l-ikbar wieħed jitqiegħed quddiem Ġesu` sagramentat. Naraw ukoll is-salib tal-fidda li joħroġ fil-purċissjoni, kif ukoll utensili tal-fidda għall-funzjonijiet, kif ukoll xogħol tar-rakkmu bid-deheb fuq bellus u trieħi tal-altari, gandlieri tal-injam indurati, linef tal-kristal u armar ieħor.
Il-faċċata tal-knisja inbniet fl-1743, fi stil differenti minn dak ta’ ġewwa. Hija ftit iktar għolja mis-saqaf tal-knisja. Fuq wara tal-frontispizju hemm ornamenti skolpiti fil-ġebel, aktarx mill-knisja l-qadima. Il-faċċata l-antika kienet differenti sewwa minn dik tal-lum. Iż-żewġ kampnari fihom sitt iqniepen,tnejn żgħar u erbgħa kbar. Iż-żewġt iqniepen il-kbar saru Malta mill-familja Triganza, waħda fl-1782 u l-oħra fl-1793. Iz-zuntier bil-balavostri quddiem il-knisja għandu erba’ statwi tal-Evangelisti. Dik ta’ San Ġwann saret ftit ilu minn Marco Montebello, ta’ San Mattew hadimha l-kappillan Ellul, l-iskultur tat-tnejn l-oħra mhux magħruf.
Mill-1610 kien hemm 26 kappillani. Ta’ min isemmi tlieta minnhom, għax-xogħol kbir li għamlu għall-knisja u l-poplu ta’ Ħal Għargħur. Dawn huma:
-
Dun Ġwann Battista Chetcuti D.D.,J.U.D. li ħadem ħafna għall-bini tal-knisja parrokkjali. Dam 56 sena kappillan.
-
Dun Salvatore Zarb, minn Ħal Għargħur, kien il-kappillan waħdieni minn dan ir-raħal u dam 57 sena. Fi żmienu sar l-altar maġġur u ħadem ħafna għall-konsagrazzjoni tal-knisja parrokkjali, li seħħet fit-22 t’April 1736 mill-Isqof Alpheran de Bussan. Bil-ħidma tiegħu, waslet fostna l-istatwa ta’ San Bartilmew u fl-1782 saret il-qanpiena l-kbira magħmula minn Triganza. Huwa miet f-1783 u ndifen fil-knisja.
-
Dun Salv Gaffiero mill-Isla. Għalkemm huwa dam kappillan għal ftit snin biss, huwa ħadem ħafna fost il-parruċċani. Fi żmienu faqqgħet il-kolera u fir-raħal zgħir tagħna nfetaħ sptar. Dun Salv kien il-kap tal-isptar, ma ħa ebda salarju, iżda ħadem biss għall-imħabba t’Alla u biex jaqdi l-poplu. Imbagħad kien mibgħut il-Furjana bħala Arċipriet u ara kien maħtur Monsinjur tal-Katidral. Kien magħżul biex jaqdi bħala Vigarju Ġenerali u wara sar Isqof awżiljarju.
Dawn il-ftit noti jagħtuna fil-qosor deskrizzjoni u storja tal-knisja parrokkjali. Jistgħu wkoll iservu ta’ gwida għat-turisti
(Minn artiklu bl-Ingliż ta’ Lino Wettinger).