Fir-raħal, minn barra l-kappella dedikata lil San Ġwann Battista, li kif jingħad inbniet fl-1223-1225 A.D., hemm żewġ kappelli żgħar dedikati lit-Tlugħ fis-sema ta’ Sidtna Marija, waħda tissejjaħ ta’ Bernarda fi Triq il-Kbira, b’dota ta’ Bernarda Cauchi fl-1571, għalkemm inbniet qabel, u l-oħra hi magħrufa bħala ‘Taż-Żellieqa’ (1560), dan l-isem aktarx ġej mir-rampa li kien hemm tiżloq quddiem il-kappella sakemm sar it-taraġ li hemm illum.
Iżda m’hemmx għalfejn ngħidu, l-iktar bini li jolqtok huwa l-Knisja Parrokkjali f’nofs ir-raħal. Fl-1575 in-nies tar-raħal kienu diġa wrew lil Mons. Dusina (il-viżitatur appostoliku) il-bżonn li jkunu parroċċa għalihom, biex ikollhom amministrazzjoni li taqdihom għas-sagramenti u għall-quddiesa tal-Ħdud u l-festi. Fl-1598, Ħal Għargħur qala’ dan id-dritt mill-isqof Gargallo. Iżda l-oppożizzjoni mil-kappillan tan-Naxxar, Dun Ġiljan Borg, żammet għal tnax-il sena t-twettiq għal din l-indipendenza.
Mal-mewt tal-Kappillan Borg, Mons. Gargallo wettaq il-ħolqien tal-parroċċa tagħna fis-16 ta’ Lulju 1610, flimkien ma’ dik tal-Mosta. Dun Ġwann Battista Chetcuti, kappillan għaref u ħabrieki, mill-ewwel iddeċieda li jibni knisja parrokkjali. Iż-żgħażugħ Tumas Dingli, magħruf sewwa ħafna għall-knejjes li bena wara, fassal il-pjanta, u fl-1612 beda x-xogħol. L-istess Dun Chetcuti kellu x-xorti jara l-bini lest, huwa qeda l-parroċċa għal 56 sena.
Il-knisja ġiet iddedikata lil San Bartilmew l-Appostlu, għaliex tinsab wieqfa fuq il-post fejn qabel kien hemm kappella msejħa għall-ismu. Matul is-snin din il-knisja ġiet mogħnija b’opri artistiċi, pittura fuq l-altari, irħamijiet, skultura fil-ġebel, xogħol tal-injam, induratura bid-deheb, xogħolijiet tal-fidda, qniepen, statwi u l-bqija.
L-istatwa ta’ San Bartilmew tibqa’ l-iktar teżor maħbub. Inġabet mhix kompluta minn Ruma fl-1771, għall-prezz ta’ Lm10.27 (€23.92) fi flus tal-lum. Il-festa ssir fl-24 ta’ Awwissu jew fil-Ħadd ta’ wara.