Ħal Għargħur huwa wieħed mill-iżgħar irħula f’Malta fuq firxa ta’ bejn wieħed u ieħor, żewġ kilometri kwadri u popolazzjoni ta’ madwar 2,773. Huwa fix-xejn tiegħu, raħal tal-kampanja li jinsab bejn in-Naxxar fil-punent, u l-Madliena fil-Lvant. Il-lokal huwa eżempju ta’ raħal tipiku li sal-lum huwa mdawwar b’oqsma ta’ raba ta’ kwalita` tajba f’art għall-biedja. Dan jagħmel tajjeb għall-ambjent kwiet u kalm f’dan il-post b’kotra ta’ oqsma naturali madwaru. Ħal Għargħur għadu jżomm truf naturali madwar ir-raħal kollu li jifirduh għal kollox minn inħawi fil-madwar. Ir-raħal għandu firxa u karattru b’kampanja partikolari li jaqbel li jinżammu u jkunu imħarsa.
It-taqsima urbana ta’ Ħal Għargħur fil-qofol tagħha hija ta’ xejra residenzjali bil-qalba ta’ raħal tipiku li jdur madwar il-Knisja u pjazza li jiddominaw. Il-kummerċ u l-bejgħ individwali huma limitati għal kummerċ ta’ oġġetti lokali, l-aktar madwar il-knisja. Xi wħud mill-isbaħ eżempji ta’ inħawi ta’ valur ekoloġiku jinsabu fit-truf ta’ Ħal Għargħur, fost dawn hemm Wied Anġlu, Wied il-Faħam, Wied Santa Marija taż-Żellieqa, Wied ta’ Piswella, Wied Santa Katerina u Wied id-Dis. L-Isfrundar il-Kbir (The Great Fault) tal-gżira Maltija jgħaddi ‘l ġewwa mill-limiti ta’ Ħal Għargħur. Tabilħaqq Ħal Għargħur qiegħed fuq art għolja u l-qagħda għolja tiegħu li tħares fuq ix-xatt ta’ Baħar iċ-Ċagħaq dehret adattata għall-istazzjon tat-trasmissjoni tat-televisjoni.(li qabel kien is-Signal station tan-Navy). F’dawn l-inħawi hemm ukoll il-Victoria Lines (1870 – 1899) dik il-medda ta’ ħajt li jispikka bil-potenzjal ta’ rikreazzjoni u turiżmu tinsab ukoll fil-lokalita`.
Sabiex wieħed jasal Ħal Għarghur jista’ jaqbad il-karozza tal-linja 35 mill-venda tal-Belt Valletta jew in-numru 136 mill-venda ta’ Birkirkara. Għall-iskeda jekk jogħġbok agħfas hawn.